oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ethan u Eileen 3: Ejja nsaqqu l-pjanti

Il-familja kienet miġbura fil-kamra tal-ikel. F’ħin minnhom il-papà ta’ Ethan u Eileen issuġġerixxa li meta jlestu mill-ikel jistgħu jmorru jgħinuh fil-ġnien isaqqi l-pjanti.
Eileen qabżet bil-ferħ filwaqt li bdiet tipprova tniggeż piżella bil-furketta.
‘Pa, nista’ ngħinek timla l-bexxiexa?’ staqsa Ethan.
‘Iva, mela!’ qallu l-papà.
null
Paġna 1
Wara li kielu qamu minn mal-mejda u rħewlha lejn il-ġnien. Eileen bdiet timmolla bil-ferħ, hekk kif bdiet tiġri fuq quddiem. Ethan u missieru segwewha, it-tnejn li huma jġorru bexxiexa kull wieħed.
null
Paġna 2
Missierhom spjegalhom li huwa importanti ħafna biex il-pjanti jsaqquhom bil-bexxiexa u mhux bil-pajp, għax bil-pajp ikun hemm ħafna ħela ta’ ilma. Il-missier kompla jgħidilhom li permezz tal-bexxiexa wieħed jista’ jikkontrolla l-ammont ta’ ilma li jagħti lil kull pjanta.
‘Imma kif ser inkun naf kemm għandha bżonn ilma kull pjanta?’ staqsa Ethan.
‘Tinkwetax. Jiena ser ngħidlek meta jkun biżżejjed biex tieqaf,’ qallu missieru.
‘Kollox sew, pa!’ irrisponda Ethan.
null
Paġna 3
It-tnejn li huma mxew lejn il-bir, filwaqt li Eileen kienet impenjata tiġri wara l-friefet tipprova taqbadhom. Ethan u missieru mlew iż-żewġ bexxiexi bl-ilma. Imbagħad bdew isaqqu l-pjanti. Missier Ethan qagħad ħdejh, jissuġġerilu liema pjanta kellha bżonn aktar ilma mill-oħrajn.
null
Paġna 4
L-omm marret fil-ġnien, kemm tpoġġi ftit qxur tal-frott u ħaxix fir-reċipjent tal-kompost. Eileen osservat lil ommha tagħmel dan.
‘Ma, għalfejn qed tpoġġi l-qxur hemm u mhux fil-barmil taż-żibel?’ staqsiet kurjuża Eileen.
‘Għax b’dan il-mod wara ftit żmien inkunu nistgħu nżidu l-kontenut tar-reċipjent tal-kompost mal-ħamrija, sabiex issir iktar tajba biex tipproduċi frott tajjeb bħal-larinġ u l-lumi, fjuri sbieħ bħal ward, u ħxejjex aromatiċi bħal ħabaq, origanu u sagħtar, li nuża spiss fit-tisjir,’ qalet l-omm.
‘Ooo!’ qalet Eileen filwaqt li bdiet tipprova tifhem.
null
Paġna 5
Ethan staqsa lil missieru, ‘Pa, minn fejn jiġi l-ilma tal-bir?’
‘Meta tagħmel ix-xita l-ilma kollu li jinżel fuq il-bejt jiġi dirett b’sistema ta’ katusi lejn il-bir, biex b’hekk l-ilma tax-xita nerġgħu nagħmlu użu minnu u ma nitilfuhx. Importanti wkoll li l-bir jinżamm nadif ħalli l-ilma jkun jista’ jintuża wkoll fid-dar. Qed tara, Ethan, l-ilma tax-xita huwa prezzjuż ħafna! Huwa l-aħjar ilma li qatt nistgħu nsaqqu bih,’ qallu missieru.
‘U għal xiex iktar nistgħu nużawh l-ilma tax-xita, apparti biex insaqqu bih?’ staqsa Ethan.
‘Nużawh biex naħslu l-art, il-karozza, kif ukoll fil-kamra tal-banju biex nifflaxxjaw,’ qallu missieru.
‘Tal-ġenn, pa!’ qal Ethan.
null
Paġna 6
Eileen ġriet għal ħdejhom tibki u tolfoq. Bdiet iżżomm subagħha l-kbir ’il fuq. Kienet niggżitha naħla.
Missierha pprova jara x’kellha iżda ma seta’ jara xejn ħlief subagħha ftit minfuħ. Wara li Eileen taffielha ftit l-uġigħ missierha qalilha, ‘Għax ma tiġix magħna issa, żgħira tiegħi, ħalli nipproteġġuk min-naħal?’
‘Iva, pa,’ qalet Eileen.
null
Paġna 7
Ladarba kienu lesti milli jsaqqu l-pjanti, it-tlieta li huma marru lura fil-kċina. Il-mamà ta’ Ethan u Eileen kienet ippreparatilhom tazza ħalib kull wieħed biex jixorbuha qabel ma jmorru jinħaslu u jippreparaw għas-sodda. It-tfal xorbu l-ħalib, u telgħu ’l fuq ma’ ommhom, fil-kamra tal-banju.
Waqt li kienu qegħdin jaħslu snienhom quddiem il-mera, qalu lil ommhom li t-tnejn ħadu pjaċir ħafna barra fil-ġnien mal-papà, isaqqu l-pjanti u jippruvaw jaqbdu l-friefet!
null
Paġna 8
Minbarra li ħadu gost ħafna fil-ġnien, it-tfal tgħallmu ħafna affarijiet ġodda:
  • Kull darba li ssaqqi l-pjanti uża bexxiexa minflok pajp tal-ilma, ħalli tkun tista’ tikkontrolla l-ammont ta’ ilma u b’hekk ma jinħela ebda ilma.
  • Jekk għandek bir fid-dar, agħmel mezz li żżommu nadif ħalli l-ilma tax-xita li jinġabar fih tkun tista’ tużah fid-dar tiegħek.
  • Jekk għandek spazju biżżejjed fil-ġnien tiegħek, investi f’reċipjent tal-kompost u ibda agħmel il-kompost tiegħek billi żżid qxur tal-frott u l-ħaxix, qxur tal-bajd, u weraq. B’dan il-mod, dak kollu li tkabbar fil-ġnien tiegħek ikun isbaħ, ikollu togħma aħjar u meta tieklu jtik ħafna vitamini!
null
Paġna 9
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations