(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Vjaġġi minn Madwar id-Dinja

Cheng Ho.

null
Hija fin-natura tal-bniedem li jesplora u għalhekk il-bniedem ilu snin twal idur l-artijiet u l-ibħra ta’ madwaru bil-mezzi disponibbli għalih biex isib x’joffru. Fost l-esploraturi magħrufa tal-bidu nsibu lit-Taljan Marco Polo (1254–1324), lill-Għarbi Ibn Battuta (1304–1368/1369) u liċ-Ċiniż Cheng Ho (1371–1433/1435).
Però, l-ivvjaġġar madwar id-dinja kollha kien marbut ukoll mal-kwistjoni dwar jekk id-dinja hix tonda jew le. Dan il-fatt, li għalina llum huwa wieħed ċar u magħruf, ma kienx minn dejjem hekk. Sas-seklu 16, fl-Ewropa kienet għadha kwistjoni kontroversjali u ħafna ma kinux jaqblu li d-dinja hija fil-fatt tonda u mhux ċatta.
Paġna 1

Bil-baħar

Biex tinqata’ l-kwistjoni darba għal dejjem dwar jekk id-dinja hix tonda jew le, ir-Re Karlu I ta’ Spanja offra ħames iġfna lil Ferdinand Magellan (1480–1521) biex jipprova jbaħħar madwar id-dinja.
Din, però, ma kinitx l-unika raġuni. Minħabba kunflitt mal-Portugall, Spanja ma setgħetx tbaħħar madwar l-Afrika biex tasal sal-artijiet minn fejn kienu jinġiebu l-ħwawar. Għaldaqstant, kien importanti għall-Ispanjoli li jsibu rotta ġdida lejn l-Indja u l-Gżejjer tal-Ħwawar (illum il-Maluku, parti mill-Indoneżja) min-naħa tal-Punent, bħalma kien ipprova qablu Kristofru Kolombu. Kristofru Kolombu kien mingħalih li kien sab l-Indja meta fil-fatt kien wasal il-Karibew.

Il-Gżejjer tal-Ħwawar (Maluku) illum.

null
Paġna 2
Ferdinand Magellan salpa minn Spanja fl-1519. Huwa kellu fi ħsiebu li jdur man-Nofsinhar tal-Amerka t’Isfel u minn hemm jimmira li jasal fil-Gżejjer tal-Ħwawar fil-Lvant Imbiegħed.
Il-flotta kienet tikkonsisti f’ħames iġfna. It-Trinidad kien il-ġifen l-ewlieni tal-flotta u kien ukoll l-uniku wieħed mgħammar b’kanun għal kontra l-pirati li setgħu jiltaqgħu magħhom matul il-vjaġġ.
Wara li qasam l-Atlantiku, Magellan tilef l-ewwel bastiment tiegħu, is-Santiago, meta dan inkalja mal-kosta tal-Amerka t’Isfel. Dan kien qed iġorr l-ikel u l-provvisti għall-vjaġġ. Huma waqfu għal xi żmien f’dawn l-inħawi, fejn illum insibu l-Arġentina, biex jgħaddu x-xhur tax-xitwa qabel ma jippruvaw isibu passaġġ lejn l-Oċean Paċifiku.
Paġna 3

L-Istrett ta’ Magellan fin-Nofsinhar tal-Amerka t’Isfel.

null
Paġna 4
L-erba’ iġfna li kien fadal salpaw mill-Arġentina f’Ottubru 1520 u rnexxielhom jgħaddu mill-istrett li llum sar magħruf bħala l-Istrett ta’ Magellan. Dan huwa strett pjuttost perikoluż għat-tbaħħir.
Minn hemm komplew fi triqithom lejn il-Lvant Imbiegħed u l-vjaġġ li matulu qasmu l-Oċean Paċifiku ħadilhom madwar 5 xhur sakemm waslu fil-gżira ta’ Guam, fejn xi nies tal-lokal serquhom. Bi tpattija Magellan qered raħal bin-nar qabel ma telaq biex ikompli bil-vjaġġ.

L-Istrett ta’ Magellan.

null
Paġna 5
Iżda x-xorti arratlu ’l Ferdinand għax meta wasal il-Filippini, huwa nqatel min-nies tal-lokal wara li qam argument magħhom. Madanakollu, il-flotta xorta waslet sal-Gżejjer tal-Ħwawar taħt il-kmand tal-kaptan Juan Sebastián Elcano.

Replika tal-ġifen Victoria.

null
Paġna 6
Meta l-flotta waslet fid-destinazzjoni tagħha, din ġiet attakkata mill-Portugiżi, li ma ħadux gost li l-Ispanjoli kien irnexxielhom jaslu f’dawn l-artijiet. Il-Portugiżi ħatfu t-Trinidad, bit-tagħbija ta’ ħwawar b’kollox u bastiment wieħed biss irnexxielu jaħrab lura lejn l-Ewropa, il-Victoria. Dan qasam l-Oċean Indjan u rnexxielu jevita li jiġi attakkat mill-bastimenti Portugiżi.
Mill-277 ruħ li salpaw minn Spanja fl-1519, 18-il raġel biss irnexxielhom jaslu lura qawwijin u sħaħ f’Settembru 1522. B’hekk kienu sabu mhux biss rotta ġdida lejn il-Lvant Imbiegħed li tevita l-ibħra ddominati mill-Portugiżi, iżda kkonfermaw bil-provi li d-dinja ma kinitx ċatta.
Paġna 7

Bir-rota

Wara t-tbaħħir, kien imiss ir-rota. Fl-1884, l-Ingliż Thomas Stevens beda vjaġġ bir-rota bit-tir li jdur id-dinja billi jaqsam l-Amerka ta’ Fuq, l-Ewropa, l-Asja Ċentrali, l-Indja u l-Ġappun. Naturalment, kellu xorta waħda jbaħħar fejn ma jibqax iktar art.
Kien għadu żmien il-penny-farthing, jiġifieri rota bla gerijiet li kellha rota kbira quddiem u oħra żgħira wara. Il-penny-farthing kienet perikoluża ħafna għan-niżla u għalhekk spiċċa biex mexa bir-rota f’idu daqs, jekk mhux iktar, milli rikibha.
Huwa telaq minn San Francisco, f’Kalifornja u wara li qasam l-Amerka ta’ Fuq, qabad vapur minn New York lejn Liverpool. Wara huwa kompla jivvjaġġa lejn l-Ewropa u wara l-Asja.
Paġna 8

Thomas Stevens fuq ir-rota.

null
Paġna 9
Meta pprova jaqsam l-Afganistan huwa ġie deportat u kellu jaqbad vapur lejn Baku, l-Ażerbajġan, ferrovija sa Batoum, il-Ġorġja, vapur ieħor lejn Kostantinopli, l-Imperu Ottoman (illum it-Turkija) u minn hemm vapur ieħor lejn l-Indja.
L-Indja huwa qasamha bir-rota mill-Punent għal-Lvant u minn hemm saq lejn iċ-Ċina u wara qabad vapur lejn il-Ġappun. Mill-Ġappun huwa rritorna San Francisco fl-1886 b’vapur wara sentejn jivvjaġġa. B’kollox Thomas Stevens qadef madwar 21,726 kilometru.
Paġna 10

Tpinġija ta' Thomas Stevens stess.

null
Paġna 11

Dumitru Dan.

null

Bil-mixi

Fl-1908, it-Touring Club de France offrew premju ta’ 100,000 frank lil min jirnexxilu jdur dawra madwar id-dinja bil-mixi u l-ġeografu Rumen Dumitru Dan (1890–1978) wera interess kbir f’din l-avventura. Għalhekk, fl-1910, flimkien ma’ xi ħbieb, beda vjaġġ ta’ 13-il sena madwar id-dinja bil-mixi. Huwa vvjaġġa liebes ilbies tradizzjonali Rumen u għarraq 497 par żarbun mat-triq.
Matul il-vjaġġ huma għaddew minn 76 pajjiż u mat-triq il-grupp daqq u żifen mużika folkloristika biex b’hekk setgħu jiffinanzjaw il-vjaġġ.
Paġna 12
Mat-triq, sħabu bdew imutu wieħed wieħed, min b'ħaġa u min b'oħra. Barra minn hekk, fl-1914 faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Dawn l-intoppi wasslu biex Dumitru kellu jistenna sal-1923 biex itemm dan il-vjaġġ waħdu wara 100,000 kilometru mixi.
Minħabba l-effetti tal-għoli tal-ħajja wara 13-il sena li fihom seħħet ukoll gwerra dinjija, il-premju li rebaħ Dumitru Dan kien tilef ħafna mill-valur inizjali tiegħu.
Paġna 13

Ritratt tan-NASA/Thomas Harrop.

null

Bl-ajru

Fl-1933, l-Amerikan Wiley Post irnexxielu jdur dawra mad-dinja waħdu bl-ajruplan Winnie Mae. Bis-saħħa tal-avvanzi fit-teknoloġija tal-autopilot, huwa seta’ jiekol u jistrieħ daqsxejn waqt il-vjaġġ biex b’hekk seta’ jtemm dan il-vjaġġ f’sebat ijiem.
Paġna 14

Bla waqfien

Però, l-ewwel vjaġġ bl-ajru bla waqfien għall-fjuwil ma sarx qabel l-1986 meta l-Amerikani Dick Rutan u Jeana Yeager daru d-dinja bl-ajruplan Rutan Model 76 Voyager. Huma bdew il-vjaġġ f’Kalifornja.
Waqt it-tluq, it-truf tal-ġwienaħ il-kbar laqtu l-art u ġarrbu xi ħsarat, iżda dan ma waqqafx liż-żewġ avjaturi milli jkomplu bil-vjaġġ li kien għadu kemm beda. Huma reġgħu lura Kalifornja wara disat ijiem u titjira ta’ 40,233 kilometru.
Għalkemm il-ftehim kien li jtiru fuq xifts ta’ 3 sigħat kull wieħed, Dick Rutan spiċċa fit-tmun tal-ajruplan għall-ewwel tlitt ijiem infila mingħajr serħan. Dan għaliex kien diffiċli f’xi waqtiet li jibdlu posthom minħabba l-għeluq fil-kabina u d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom mat-titjira, speċjalment fil-bidu meta l-ajruplan kien tqil wisq minħabba t-tagħbija tal-fjuwil.
Paġna 15

Yuri Gagarin.

null

B’vettura spazjali

Ir-Russi kienu l-ewwel li bagħtu bniedem idur dawra f’orbita madwar id-dinja fl-ispazju. Dak il-bniedem kien Yuri Gagarin li f’April tal-1961 orbita d-dinja f’108 minuti f’għoli ta’ 344 kilometru. Mhux hekk biss, Yuri Gagarin kien ukoll l-ewwel bniedem li tar fl-ispazju, u dan għamlu bis-saħħa tal-vettura spazjali Vostok 1.
Dan il-vjaġġ kien parti mit-tellieqa għall-ispazju bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Sovjetika li bdiet mat-titjira tal-vettura spazjali Sovjetika Sputnik 1 fl-1957 u wasslet biex l-Amerikani tellgħu l-ewwel bniedem fuq il-qamar fl-1969.
Paġna 16

Illum il-ġurnata

Il-vjaġġi madwar id-dinja għadhom jaffaxxinaw lin-nies sal-lum il-ġurnata. Xi wħud jagħżlu li jesploraw u jiżviluppaw teknoloġija moderna, bħall-enerġija mix-xemx.
Ngħidu aħna, fl-2016 l-ajruplan Solar Impulse 2, li jaħdem bil-pannelli tax-xemx, temm vjaġġ ta’ sena u erba’ xhur madwar id-dinja bl-użu biss tal-enerġija mix-xemx. L-ajruplan bidel ħafna piloti matul il-vjaġġ minn Abu Dhabi sa Abu Dhabi, u matulu għadda wkoll minn fuq Malta.

L-ajruplan Solar Impulse 2.

null
Paġna 17
Oħrajn jagħżlu li jużaw teknoloġija aktar antika bħall-ballun baraxx. Fl-1999, il-pilota Żvizzeru Bertrand Peccard dar dawra sħiħa mad-dinja fil-ballun baraxx Breitling Orbiter 3, vjaġġ li ħa 19-il ġurnata, 21 siegħa u 47 minuta.

Il-ballun baraxx Breitling Orbiter 3.

null
Paġna 18
It-tbaħħir madwar id-dinja wkoll għadu popolari ħafna. Uħud jagħżlu li jbaħħru bil-qlugħ, bħall-Ingliża Ellen MacArthur li fl-2005 baħħret madwar id-dinja waħedha f’71 ġurnata.
Warajha, fl-2008, il-Franċiż Francis Joyon għamel l-istess vjaġġ f’57 ġurnata.
null
Paġna 19
Insibu wkoll ’il min jixtieq jara iżjed u jmiss b’idejh, u jkollu ħin biex jiltaqa’ man-nies u jesperjenza kulturi differenti. U żgur li ma jeżistix mezz ieħor aqwa mill-mixi għal dan il-għan.
Fost il-vjaġġaturi riċenti li daru d-dinja bil-mixi jew bil-ġiri nsibu ’l David Kunst (Vjaġġ: 1970–1974), Robert Garside (Vjaġġ: 1997–2003), Jesper Kenn Olsen (Vjaġġ: 2004–2005), Tom Denniss (Vjaġġ: 2011–2013) u ’l Tony Mangan (Vjaġġ: 2010–2014).
null
Paġna 20
Bit-titjib fl-infrastruttura tat-toroq madwar id-dinja, vjaġġ bir-rota sar ferm aktar faċli minn żmien Thomas Stevens. Kull sena nies ġodda jibdew vjaġġi ta’ dan it-tip. Uħud iqattgħu ħajjithom jivvjaġġaw bla ma jieqfu, bħal Heinz Stucke li qabad it-triq bir-rota mill-Ġermanja fl-1962 u għadu jdur sal-lum (2018) bil-għan li jara kollox!
Mill-banda l-oħra, Mark Beaumont telaq minn Pariġi nhar il-Ħadd, 2 ta' Lulju 2017 u rnexxielu jdur id-dinja waqt li jaqsam 16-il pajjiż u jivvjaġġa 11,315-il kilometru fi 78 ġurnata, 14-il siegħa u 14-il minuta.
Għal oħrajn din tkun sena waqfa mix-xogħol jew mill-istudju li tagħtihom iċ-ċans jimirħu mal-erbat irjieħ tad-dinja u jiltaqgħu ma’ affarijiet ġodda.
null
Paġna 21
Tmiem