(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Skwadra Sigrieta 1: Il-każ tar-remissa

Sa minn ċkunitu, John kien iħobb jara s-sensiliet televiżivi pulizjeski u kien joħlom li xi darba jsir ditektiv famuż, bħal Sherlock Holmes u Poirot. Fi triqtu lejn l-iskola jew lura d-dar, fil-kumpanija tal-ħbieb, it-tifel kien jogħxa jirrakkonta xi ġrajja ta’ din ix-xorta li jkun ra fuq it-televiżjoni. It-tifel trabba man-nanniet, għax ta’ età żgħira omm John kienet mietet f’inċident tat-traffiku u missieru ma reġax iżżewweġ. Wara erbgħin sena fil-Pulizija, in-nannu Toni kien irtira mill-Korp tal-Pulizija u ddeċieda li jitlaq miċ-ċentru ta’ Ħal Dratta, u jmur joqgħod fir-razzett li kien ħallielu missieru. Imma qabelxejn, Toni kien irranġa r-razzett u tah xejra aktar moderna. Fost il-kmamar tas-sular ta’ fuq tar-razzett kienet tħalliet waħda kbira bħala studju u post ta’ rikreazzjoni għal John.
null
Paġna 1
Kull nhar ta’ Sibt f’din il-kamra kienu jingħaqdu ma’ John iż-żewġ kuġini tiegħu, Frans u Doris, ulied Stella, bint in-nannu Toni. F’waħda minn dawn il-laqgħat, wara li John kien irrakkonta waħda mis-soltu stejjer tiegħu lill-kuġini, kien beda jħares mit-tromba li kien xtralu missieru. It-tifel kien iħobb josserva l-għasafar, billi r-razzett fejn kien joqgħod kien ideali għal dan id-delizzju. Imma aktar tard fil-ġurnata, John neħħa ħarstu minn fuq siġra kbira fejn kien hemm l-għasafar u beda jħares lejn remissa abbandunata fi triq li ftit li xejn kienu jgħaddu vetturi minnha. Skont in-nannu Toni, ir-remissa kienet ta’ ċertu Wenzu, raġel li baqa’ għażeb, u wara mewtu ħadd mill-werrieta ma kien ġie mill-Awstralja biex jara x’kien ħalla dan l-anzjan.
Kienet għalhekk sorpriża għal John meta ra vann, li minn fuqu tniżżel sellum u wara deher jittieħed maġenb ir-remissa. Ir-remissa kienet madwar mitejn metru bogħod mir-razzett ta’ Toni. ‘Int ma kontx għedtilna li dik ir-remissa abbandunata?’ staqsa John lil nannuh. ‘Iva, dik ilha ma tinfetaħ snin,’ wieġeb in-nannu. ‘Xi ħadd għadu kemm daħħal vann ġo fiha,’ qal John. Ma’ din l-aħbar, in-nannu ħa t-tromba f’idejh u beda jħares, imma kulma laħaq ra kien il-bieb tar-remissa jingħalaq b’ċerta għaġla. Imbagħad, madwar għoxrin minuta wara, il-bieb tar-remissa reġa’ deher jinfetaħ u ħareġ il-vann b’żewġt irġiel fih. Raġel ieħor ingħaqad magħhom wara li ħareġ minn wara l-kantuniera u għabba s-sellum fuq is-saqaf tal-vann.
null
Paġna 2
In-nannu Toni talab lil John biex jara kienx possibbli jieħu n-numru tar-reġistrazzjoni tal-vann, imma b’sorpriża kbira għal John il-pjanċa ta’ wara kienet mgħottija b’biċċa ċarruta. ‘Hawn għandna ċ-ċajt!’ qal in-nannu, meta sar jaf li dawk tal-vann riedu jaħbu n-numru. ‘Tgħid misruq dak il-vann?’ staqsa John. ‘Jista’ jkun. Aħjar tkomplu tilagħbu issa,’ kompla n-nannu. ‘Imma din okkażjoni tad-deheb għalina biex niskopru x’qed jiġri f’dik ir-remissa!’ qal John, b’ton ta’ wieħed anzjuż biex jibda jinvestiga. ‘Biex int ġej issa? Dan mhux xogħol tat-tfal,’ qallu n-nannu. ‘Għaliex, nannu Ton?’ staqsew Frans u Doris, li dehru li jridu jingħaqdu ma’ John fl-avventura. Id-diskussjoni dwar ir-remissa waqfet ħesrem meta n-nanna bdiet issejjaħ lil żewġha u n-neputijiet biex jinżlu għall-ikel. Hawn in-nannu wissa lit-tfal biex ma jitkellmu xejn quddiem in-nanna dwar dak li raw. ‘Issa wara l-ikel naraw x’se nagħmlu,’ qalilhom in-nannu.
Dakinhar it-tfal kielu aktar bil-ħeffa mis-soltu, u wara ftit kliem minn taħt l-ilsien telgħu fuq jistennew ħerqana d-deċiżjoni tan-nannu. Imbagħad wara li n-nannu Toni għen lin-nanna fil-ħasil tal-platti, qalilha li kien reġa’ tiela’ ħdejn it-tfal. ‘Mela m’intix se tistrieħ siegħa?’ staqsiet in-nanna. ‘Aktar tard,’ wieġeb Toni. Lura fil-kamra mat-tfal, in-nannu Toni qalilhom li l-aħjar jistennew biex josservaw u jaraw x’se jiġri mir-remissa. In-nannu bagħat lit-tfal iduru dawra biex jaraw jekk kienx hemm katnazzi mal-bieb, jekk kinux ġodda, u jekk kienx hemm xi entratura oħra għar-remissa min-naħa l-oħra tat-triq. ‘Pinġu u agħmlu nota ta’ dak kollu li tosservaw,’ qalilhom in-nannu. ‘Mhux aħjar nieħdu r-ritratti flok inpinġu?’ ġibidlu siequ John, biex ifakkar lin-nannu li kienu qed jgħixu fi żminijiet moderni.
null
Paġna 3
Armati b’kamera tar-ritratti, ktejjeb u lapes, John, Frans u Doris irħewlha lejn ir-remissa. Kif waslu fuq il-post, Doris qagħdet għassa biex jekk ikun ġej xi ħadd f’dawk l-inħawi tagħmlilhom sinjal minnufih. Imbagħad John beda jieħu r-ritratti tal-bieb tar-remissa, fejn ma kien hemm l-ebda katnazz, kif kien ħaseb in-nannu. Ir-raġuni għaliex dawk l-irġiel kienu ġabu sellum magħhom malajr saret magħrufa, għax fin-naħa tax-xellug tar-remissa kien hemm tieqa żgħira fl-għoli, li tintlaħaq biss b’sellum. ‘M’hemmx dubju li xi ħadd daħal u ħareġ minn dik it-tieqa,’ qal John lil kuġinuh. ‘Hekk hu. Infatti t-tieqa għandha parti mill-ħġieġa miksura u wieħed jista’ jdaħħal idu biex jiftaħha u jagħlaqha,’ qal Frans. Bil-kamera li kellu, John seta’ jieħu ritratti mill-viċin tat-tieqa mingħajr ma jitla’ fuq sellum.
Lura fir-razzett, John irrakkonta kollox lin-nannu u wara beda jurih ir-ritratti fuq il-kompjuter. ‘Ikolli ngħid f’dik ir-remissa qed jinħbew oġġetti misruqa jew li ġew b’kuntrabandu,’ issuspetta n-nannu. ‘Inkomplu nistħarrġu sakemm insiru nafu,’ qal John. In-nannu wissa lin-neputijiet biex ma jgħidu xejn dwar ir-remissa lin-nanna jew lil xi ħadd ieħor, u wara mar jistrieħ kif soltu kien jagħmel waranofsinhar. Għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar, Frans u Doris ħallew lil John waħdu għax kien sar il-ħin li ommhom tgħaddi għalihom, kif soltu kienet tagħmel kull nhar ta’ Sibt. ‘Ħa nibqa’ sejra, pa… benedizzjoni,’ qalet Stella, bint in-nannu Toni, waqt li wliedha rikbu fil-karozza.
null
Paġna 4
Meta l-għada mar il-knisja tar-raħal biex jisma’ quddiesa, Toni għadda sal-għassa tal-Pulizija biex ikellem lil Freddie, surġent żagħżugħ li kien ilu ftit xhur biss f’dak ir-raħal. Imma dakinhar is-Surġent Fred kien bil-frank. ‘Nista’ naqdik jien?’ staqsa l-kuntistabbli, li kien jaf sewwa lil Toni. ‘Le, nista’ nistenna għaliex li xtaqt ngħidlu m’għandu x’jaqsam xejn mas-servizz,’ wieġeb Toni. Meta l-għada daħal għax-xogħol, is-Surġent Fred mar ifittex lin-nannu Toni, li staqsieh jekk kienx lest jieħu f’idejh investigazzjoni li setgħet twassal biex jiġu solvuti diversi serqiet. Mingħajr ma staqsa aktar mistoqsijiet, is-Surġent wieġeb li kien ħerqan li jieħu f’idejh biċċa xogħol bħal din, għax kemm kien ilu r-raħal ma kellux opportunità simili.
Is-Sibt ta’ wara, John, Frans u Doris komplew jitkellmu dwar il-każ tar-razzett. Dakinhar Stella ħadet liż-żewġ uliedha għand missierha, kif kienet tagħmel kull nhar ta’ Sibt. Madanakollu, fejn soltu kien diffiċli għaliha biex tqajjem lit-tfal fis-sebgħa ta’ filgħodu, dakinhar it-tfal kienu diġà libsu meta marret fil-kamra tagħhom. In-nanna wkoll rat l-istess bidla f’John, u meta staqsiet lil żewġha għaliex John kien qam daqshekk kmieni, Toni weġibha, ‘Mur ifhimhom lit-tfal!’ In-nannu beda jissuspetta li dawk li ġimgħa qabel kienu daħlu fir-remissa kienu se jagħmlu l-istess f’xi ħin matul dik il-ġurnata. Għaldaqstant qabbad lil Doris iżżomm għajnejha fuq il-post. Imbagħad meta sar aktar ħin it-tfal marru fl-inħawi mnejn setgħu josservaw tajjeb ir-remissa mingħajr ma jersqu viċin ħafna tagħha. ‘M’hemmx għalfejn toqogħdu moħbija,’ qalilhom in-nannu, filwaqt li fakkarhom biex jieħdu l-kamera tar-ritratti biex taparsi qed jieħdu r-ritratti tal-pjanti li jikbru fix-xagħri.
null
Paġna 5
Dak li ħaseb in-nannu seħħ tassew, għaliex għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu deher mutur b’żewġt irġiel riesaq fid-direzzjoni tar-remissa. Waqfu viċin ir-remissa u wieħed mill-irġiel deher jinżel minn fuq il-mutur b’xi ħaġa mgeżwra u mar jaħbiha f’ħofra taħt siġra. Dak il-ħin it-tfal kienu pjuttost ’il bogħod mill-għalqa, u kien in-nannu li ra kollox mir-razzett permezz tat-tromba. John, min-naħa tiegħu, kien ħa ħsieb jikteb in-numru tar-reġistrazzjoni tal-mutur. Bil-missjoni kważi kompluta għal dak il-ħin, it-tfal komplew jitbiegħdu mir-remissa, u meta ż-żewġt irġiel reġgħu għaddew bil-mutur, ma rawhomx. Lura fir-razzett tan-nannu bdiet id-diskussjoni jekk kellhomx imorru jiskopru x’kien hemm f’dik il-kaxxa. Wara ħafna ħin jisma’, in-nannu qalilhom li kien ikun aħjar jistennew, għax dakinhar seta’ jkun hemm xi żviluppi. U hekk kien.
In-nannu Toni kien qed jistrieħ meta għall-ħabta tat-tlieta l-istess vann, li kien deher il-ġimgħa ta’ qabel, beda ġej fid-direzzjoni tar-remissa. Għal darb’oħra fuq il-vann kien hemm sellum. Wieħed minnhom niżżel is-sellum filwaqt li raġel ieħor mar ħdejn is-siġra u qala’ l-kaxxa li kienet inħbiet xi sigħat qabel. ‘Int rieqed?’ staqsiet Doris lil nannuha, meta marret ħdejh waqt li kien mimdud fuq is-sodda. ‘Kieku kont rieqed qajjimtni, sabiħa!’ wieġeb in-nannu. ‘Tal-vann reġgħu ġew,’ qaltlu Doris. ‘Arani ġej,’ qalilha n-nannu. Il-proċedura li ntużat il-ġimgħa ta’ qabel kienet ripetuta, bid-differenza li din id-darba r-remissa ma nfetħitx. Għalkemm mill-post fejn kienu t-tfal ma kinitx tidher it-tieqa tar-remissa, ma kienx hemm dubju li xi ħadd kien reġa’ daħal fir-remissa biex ipoġġi l-kaxxa li nġabret minn taħt is-siġra.
null
Paġna 6
‘X’nagħmlu, nann?’ staqsa John. ‘L-aħjar li minn hawn ’il quddiem inħallu lis-surġent tar-raħal ikompli jistħarreġ il-każ,’ wieġeb in-nannu. ‘U aħna ma nissemmewx?’ staqsew it-tfal. ‘Hekk hu,’ qal in-nannu, filwaqt li kompla jfisser li jekk isir magħruf li l-Pulizija kienet solviet xi serqiet bl-għajnuna tat-tfal, l-affarijiet setgħu jikkomplikaw ruħhom. Qalilhom ukoll li seta’ jagħti l-każ li ma jirriżulta xejn milli kienu qed jaħsbu. It-tfal dehru diżappuntati għall-kliem tan-nannu, imma wara li kompla jgħidilhom li diġà kienu wettqu dmirhom u li kellhom iħossuhom kburin jekk il-ħallelin jinqabdu, it-tfal ikkuntentaw.
L-għada, il-Ħadd, Toni reġa’ mar ifittex lis-Surġent Fred, u din id-darba sabu l-għassa. Beda jirrakkuntalu l-istorja kollha, mingħajr ma semma lit-tfal. Aktar tard, is-Surġent informa lill-Ispettur u meta kien hemm l-awtorizzazzjoni meħtieġa saret tfittxija fir-remissa. Il-Pulizija ħadet ħsieb li t-tfittxija ssir bil-moħbi u mingħajr ħadd ma jinduna. Fuq raff fl-imsemmija remissa kienu nstabu diversi oġġetti ta’ valur, saħansitra oġġetti tad-deheb, imma kollox tħalla fejn kien. Madankollu, pulizija pajżana libsin ta’ gabillotti kienu tħallew għassa mar-remissa. Imbagħad meta s-Sibt ta’ wara t-tlitt irġiel dehru resqin lejn ir-remissa, il-pulizija ħallewhom jidħlu ġewwa u wara arrestawhom. Il-każ tar-remissa mhux biss kien ingħata pubbliċità kbira, imma kien wassal biex is-Surġent Fred jiġi trasferit għat-taqsima tal-investigazzjonijiet tal-Korp. Kif se naraw fi stejjer oħra, John, Frans u Doris, flimkien man-nannu Toni, kienu tqabbdu jgħinu f’ħafna investigazzjonijiet ta’ din ix-xorta.
null
Paġna 7
Tmiem