(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Limerikki

Il-limerikk huwa tip ta' poeżija ċajtiera magħmula minn ħames versi (linji). L-ewwel, it-tieni u l-ħames vers ikunu jirrimaw (jaqblu) bejniethom. It-tielet u r-raba' vers jirrimaw bejniethom u jkunu iqsar mill-oħrajn.
Meta jinqraw dawn il-ħames versi joħolqu melodija ħelwa li hija partikolari għal-limerikk.
null
Paġna 1

Zalzett

Hawn raġel, qrajt darba f’gazzetta,
li jiekol kuljum elf zalzetta,
u mbagħad xarba nbid
u jorqod mhux ftit
u jonħor bil-ħoss ta’ trumbetta.
null
Paġna 2

Snien Foloz

Lin-nannu snien foloz għamlulu,
jinżagħhom… u spiss jintilfulu.
Jum wieħed neħħiehom,
fuq siġġu nesiehom,
qagħad fuqhom u koxxtu gidmulu.
null
Paġna 3

Banana

Kien hemm mara ħoxna l-Furjana
li kienet tħobb wisq il-banana;
tużżana kuljum
tikolhom xħin tqum
u l-qxur issajjarhom timpana.
null
Paġna 4

Professur

Kien hemm professur Wied Inċita
li xorob jum wieħed taħlita.
Żagħżugħ ried isir
’mma fi żmien qasir
imnieħru sar kbir daqs mazzita.
null
Paġna 5

Il-Qattusa

Kien hemm ġewwa dar ġo Ta’ Qali
qattusa li kienet speċjali,
għax tibża’ mill-ġrieden,
issaffar bħall-vrieden
u tilbes l-arloġġ u n-nuċċali.
null
Paġna 6

Jiħxien

Tassew qed jiħxien dan Ġanpiet
għax jiekol wisq ħobż u ħlewwiet,
għaġin u patata,
b’żaqq kbira ppuppata
sa fl-aħħar xpakkalu l-qalziet.
null
Paġna 7

F’Kemmuna

Jinħasel kien raġel f’Kemmuna
’mma msejken dan bela’ s-sapuna.
Minn ħalqu f’kull ħin
bdew bżieżaq ħerġin
sakemm qafel fommu b’buttuna.
null
Paġna 8

Il-Qaqoċċ

Naf mara li tħobb il-qaqoċċ,
tnax tiekol kull kwarta bl-arloġġ,
u biex ma taħlix
il-qxur ma tarmix
’mma tħithom u tagħmel papoċċ.
null
Paġna 9

Kappar

Kien hemm bidwi xiħ il-Munxar
li kien iħobb wisq il-kappar.
Kien jogħrku m’għajnejh,
isodd bih widnejh
u jdeffes fi mnieħru tnejn kbar.
null
Paġna 10

Il-Mara li Ttewbet

Naf mara li ttewbet fil-ġnien
u f’ħalqha daħlilha ġurdien.
’Mma hi xejn ma beżgħet,
biex taqbdu fis belgħet
xi tnax-il qattus tal-ġirien.
null
Paġna 11

F’Restorant

Grabiel sab wirdiena fil-platt.
Lill-wejter fis qallu b’dal-fatt.
Dan qallu, “Turix!
Wirdien issemmix
għax waħda jitlobni kulħadd.”
null
Paġna 12
Tmiem