(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

L-Avventuri ta' Emma 1: Il-Wasla f'Għawdex

Meta Emma qamet filgħodu, kienet taf li kienet ġurnata speċjali. Hi ma kinitx fis-sodda tagħha u lanqas imdawra bil-pupi, kotba u ġugarelli tagħha. Minflok, hija kienet qiegħda ħdejn il-mamà fuq l-ajruplan. Semgħet il-vuċi ġentili t’ommha tgħidilha, “Qum, ħanini, dalwaqt naslu.”
Tgħidx kemm kienet eċitata Emma xħin bdiet tippakkja l-mapep u l-ktieb tal-ivvjaġġar tagħha qabel telqet lejn l-ajruport ta’ New York. Emma tħobbhom l-avventuri, u din kienet ser tkun waħda kbira. Żewġ ajruplani u vapur sabiex naslu hemm!
null
Paġna 1
Emma u l-mamà kienu fi triqithom lejn gżira żgħira ’l bogħod, fil-Baħar Mediterran, imsejħa Għawdex. Kemm hi żgħira din il-gżira! Mela mhix ikbar minn Manhattan fi New York, iżgħar mill-belt ta' Londra, iżgħar mill-belt ta' Ruma, u anke iżgħar mill-belt ta’ Pariġi.
Għawdex huwa wieħed minn tliet gżejjer li jiffurmaw il-pajjiż ta’ Malta. Huwa jinsab fin-Nofsinhar ta’ Sqallija u t-Tramuntana tal-Afrika. Naturalment, Emma diġà kienet taf dan kollu. Hi tħobb titgħallem dwar postijiet ġodda u dejjem ħolmot li tivvjaġġa madwar id-dinja kollha. Il-mamà kienet marret Għawdex ħafna drabi, iżda din kienet l-ewwel darba għal Emma. Hija immaġinat is-sema xemxi ta’ Għawdex u l-baħar ikħal fond, iżda kellha seba’ mitt sena sabiex tara l-gżira b’għajnejha!
null
Paġna 2
“Sinjuri, jekk jogħġobkom, irritornaw lura f’postkom u aqflu ċ-ċintorin tas-sigurtà,” avża l-kaptan.
Huma niżlu fl-ajruport ta’ Ħal Luqa. Emma niżlet it-taraġ tal-ajruplan u telgħet fuq ix-xarabank, li ħadithom it-terminal prinċipali. Imbagħad ġiet it-taksi, u wara rikbu l-vapur minn Malta għal Għawdex. Emma mtliet bl-enerġija hekk kif il-vapur wasal fil-port maestuż tal-Imġarr. U x’veduta kien hemm! Il-qniepen tal-knisja bdew idoqqu minn fuq l-għoljiet. Dgħajjes tas-sajd ikkuluriti bdew telgħin u neżlin fl-ilma filwaqt li s-sajjieda kienu qed isewwu x-xbiek tagħhom. Karozzi u trakkijiet bdew jinġabru biex jitilgħu fuq il-vapur li kien imiss, lura lejn il-gżira prinċipali.
“Wasalna!”
null
Paġna 3
Meta waslu fil-flett tagħhom fin-Nadur, Emma ħarġet fil-gallarija u rat il-veduta tal-wied tar-Ramla. ‘Din eżatt kif iddeskrivietha l-mamà! Għandi ġenn biex nesploraha!’ ħasbet Emma.
F’dak il-ħin, il-mamà ġiet maġenbha fil-gallarija. “Ejja ġewwa, għażiża tiegħi. Wasal il-ħin għall-irqad. Kellna vjaġġ twil u għada ser ikollna ġurnata mimlija daqs bajda.”
“Imma, għaliex ser ikolli nistenna? Daqskemm hemm affarijiet li rrid nara u nagħmel!” Emma tniehdet u daħlet ġewwa sabiex tistrieħ. Emma bdiet timmaġina l-avventuri kbar li kienu qed jistennewha.
null
Paġna 4
“Nixtieq li kieku qiegħda barra nesplora… Nixtieq li kieku…” Għajnejha ngħalqu bil-mod u raqdet raqda fil-fond. Hekk kif fetħet għajnejha, seħħet ħaġa tal-iskantament… Emma ma kinitx għadha fis-sodda, iżda kienet tinsab fuq għolja li tagħti għal fuq baħar sabiħ u ramli.
“Ara naqra! Jien fejn qiegħda?” qalet Emma eċitata.
“Hawnhekk ix-Xagħra,” qalet vuċi minn warajha. “Bħalissa ninsabu fuq l-Għar ta’ Kalipso. Dik t’hemm isfel hija r-Ramla l-Ħamra. Bonġu, jien jisimni Ġużeppi… Peppi għall-qosor. Int x’jismek?”
“Ħelow, jiena Emma! Inti kif taf dan kollu?”
“Jien naf kollox! Jien mix-Xagħra!” qal Peppi kburi. “Ejja ħa ninżlu fl-Għar ta’ Kalipso. Naf mogħdija biex inqassru.”
null
Paġna 5
Huma għaddew minn għelieqi miżgħuda bi fjuri selvaġġi, u niżlu mal-ħitan tas-sejjieħ baxxi, sakemm fl-aħħar waslu fl-għar. Emma kienet eċitata ħafna, għax qatt qabel ma kienet rat xi ħaġa bħal din.
“Hemm leġġenda Griega antika dwar l-eroj Ulisse, li kien ġie maqbud mill-alla tal-baħar Kalipso. Din kienet żammitu hawn, f'dal-għar, għal seba’ snin sħaħ, sakemm darba waħda ħarab. Għalhekk jgħidu li Għawdex magħruf bħala l-gżira ta’ Kalipso,” qal Peppi.
null
Paġna 6
Kien pjuttost mudlam hemm ġew u għalhekk it-tfal poġġew bilqiegħda fil-fetħa tal-għar, fejn setgħu jaraw il-bajja kollha taħthom.
“Ara naqra dak il-baħar!” stagħġbet Emma.
“Qed taraha dik il-linja skura fl-ilma?” ipponta Peppi. “Dak hu ħajt mibni fl-1700 mill-Kavallieri ta’ Malta biex iżommu l-vapuri tal-pirati milli jinżlu fuq ix-xtajta.”
“Xi gżira din! Allat, kavallieri, pirati… u ħafna maġija!” qalet Emma.
“Ejja! Ejja ħa mmorru sa ħdejn il-baħar,” qal Peppi.
“Imma qiegħed wisq ’il bogħod!”
“Le, mhuwiex. Agħlaq għajnejk, u tini jdejk.”
null
Paġna 7
F’kemm ili ngħidlek, Emma u Peppi sabu ruħhom fuq ix-xtajta, saqajhom ġor-ramel sħun u artab. Kemm kienet bajja sabiħa bir-ramel dehbi u l-baħar blu ċar!
“Taf li hawn villa Rumana midfuna hawn taħt?” staqsieha Peppi. “Din inbniet madwar 2000 sena ilu u matul iż-żmien għebet taħt ir-ramel. X’meravilja, hux?”
Emma messet ir-ramel waqt li bdiet tipprova timmaġina l-villa sabiħa midfuna taħt saqajha għal dak iż-żmien kollu. Emma u Peppi mxew tul ix-xtajta, ifittxu qxur tal-bebbux tal-baħar miksur u ċagħaq aħmar, blu, u oranġjo.
“Issa ser nieħdok taħt ir-raħal tan-Nadur, fejn l-ilma tal-bajja huwa baxx,” qal Peppi. “Ejja!”
null
Paġna 8
Tant kemm kien ċar l-ilma li ma kont tara xejn ħlief ir-ramel fil-qiegħ. Hekk kif it-tfal niżlu jgħumu bdew iċafċfu b’kemm kellhom saħħa, biex jagħmlu l-mewġ. Xi kultant il-ħut ċkejken beda jnaqqar fuq saqajhom u Emma tgħidx kemm daħket.
Emma u Peppi komplew mexjin sat-tarf tax-xtajta, u telgħu minn passaġġ. Quddiemhom kien hemm blata kbira ċatta bit-taraġ, li jwassalhom lura lejn il-baħar. Huma qagħdu bilqiegħda hemm biex igawdu l-veduta f’dik ix-xemx sħuna.
null
Paġna 9
“Kemm ħadt gost! X'ser nagħmlu issa?” staqsiet Emma.
“Ejja mmorru l-Ġgantija.”
“Dak x’inhu?”
“Issa tkun taf.”
Peppi ħa id Emma, għalqu għajnejhom u sabu ruħhom quddiem ħajt enormi. Emma kienet eċitata wisq.
“Rajt ritratti tiegħu dan! Dan tempju, hux hekk?”
“Dan huwa tempju preistoriku,” qal Peppi, “ilu mibni madwar 5,500 sena! Huwa ħafna eqdem mill-piramidi. U minħabba li l-ġebel huwa daqstant kbir, jgħidu li dan ġie mibni mill-ġganti.”
null
Paġna 10
Hekk kif kienu qed jimxu fejn it-tempju, Emma ġabret ġebla bajda żgħira, poġġietha bil-mod ġol-basket flimkien mat-tliet ċagħqiet u l-qoxra miksura tal-bebbuxu tal-baħar. Taw l-aħħar ħarsa madwarhom, ħadu jdejn xulxin, u għalqu għajnejhom.
Din id-darba, xħin fetħuhom raw bejjiegħa tal-ħwejjeġ, tapiti, ikel misjur, pasti, u anke ħobż frisk. Emma setgħet tisma’ l-bejjiegħ tal-ħut jgħajjat fil-pjazza. L-istonku tagħha beda jgerger bil-ġuħ.
“Dan hu l-monti tan-Nadur,” qal Peppi.
null
Paġna 11
Peppi mar għand wieħed mill-bejjiegħa u ġie lura b’borża żgħira u żewġt ifliexken luminata.
“Hawn ħa… dawn huma pastizzi, ikla ħafifa Maltija, veru tajbin. Xi wħud huma magħmulin bl-irkotta u xi wħud bil-piżelli. U l-Kinnie magħmul Malta wkoll.”
Il-pastizzi kienu vera tajbin u li kieku setgħet Emma kienet tiekol il-borża kollha!
null
Paġna 12
Fil-pjazza t-tfal raw ħwienet żgħar, stazzjon tal-pulizija, ħwienet tal-kafè, u djar żgħar bil-gallariji. Fit-tarf tal-pjazza kien hemm knisja qadima li kellha madwar tliet mitt sena. Tant kemm kellha kampnar għoli li Emma u Peppi kważi waqgħu għal daharhom biex iħarsu ’l fuq, lejh. Kien hemm ukoll tfal jilagħbu, klieb jinbħu, u qniepen tal-knisja jdoqqu. Kien post tassew mimli ħajja!
Emma ħasset is-sħana fix-xemx ta’ nofsinhar.
“Ejja mmorru f’post iktar frisk,” qalilha Peppi. Meta ħa id Emma, hi ħasset bħal żiffa friska ma’ wiċċha.
null
Paġna 13
It-tfal telgħu fil-quċċata ta’ għolja u qagħdu jgawdu l-veduta meraviljuża. Emma u Peppi, imbagħad, niżlu n-niżla li wasslithom fejn il-baħar. Fuq il-lemin kien hemm xtajta dejqa turkwas bil-kosta mimlija ċagħaq abjad.
“Xi ġmiel!” stagħġbet Emma.
“Merħba ġewwa l-Ħondoq,” qal Peppi. “Dan huwa wieħed mill-postijiet favoriti tiegħi. Tista’ tara l-gżejjer ta’ Malta u Kemmuna minn hawn. U, ara! Għaddej il-vapur t’Għawdex!”
X’ġurnata mimlija avventura kellhom it-tfal! Emma u Peppi sabu post fid-dell u poġġew bilqiegħda jisimgħu l-ħsejjes tal-baħar u jaraw il-vapuri ġejjin u sejrin. L-ilma kien qed ileqq bħad-djamanti fix-xemx. Emma qabadha ħafna ngħas u sabitha diffiċli biex iżżomm għajnejha miftuħin.
null
Paġna 14
“Emma, qum! Isa, qum!” qalilha Peppi jtaptap fuq spallejha. “Qum!”
Emma bdiet itteptep għajnejha u fetħithom bil-mod. Ma kienx Peppi li kien qed isejħilha, iżda l-mamà!
“Fejn hu Peppi?” staqsiet Emma.
“Peppi? Min hu Peppi?” staqsiet il-mamà.
“Peppi huwa ħabib tiegħi… morna nesploraw il-gżira t’Għawdex flimkien.”
“Int fis-sodda l-lejl kollu kont, ħanini,” tbissmet il-mamà.
null
Paġna 15
Emma dehret konfuża u daqsxejn iddiżappuntata.
“Int qed tgħidli li dan kollu kien biss ħolma?” staqsiet Emma.
“Iva,” weġbitha l-mamà, “imma ejja. Illum ser nieħdu gost ħafna, daqskemm hi ġurnata sabiħa! Issa tara!”
Emma ttewbet titwiba kbira u ħasbet fuq dak li kienet għadha kif qaltilha l-mamà. ‘Lanqas jimporta xejn li kienet biss ħolma. L-aqwa li ħadt gost!’ ħasbet bejnha u bejn ruħha.
null
Paġna 16
Kif Emma kienet ser tinżel mis-sodda rat il-basket tagħha fejn saqajha u mal-art ħdejh lemħet iċ-ċagħqa l-oranġjo, li kienet ġabret mill-bajja. Emma ttawlet ġol-basket u rat żewġ ċagħqiet oħra, qoxra tal-bebbuxu tal-baħar miksura u ġebla bajda lixxa. Mhux hekk biss, imma ż-żarbun tagħha kien fih il-frak tar-ramel dehbi li kien hemm fuq il-bajja jleqq fix-xemx!
‘Forsi fl-aħħar mill-aħħar ma kinitx ħolma. Forsi Għawdex verament gżira maġika!’ ħasbet it-tifla.
“Stennieni, mamà! Ser nieħdok fl-isbaħ postijiet li qatt mort. Issa tara!”
null
Paġna 17
Tmiem