(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ir-Rigali ta' Martin

Sebħet għodwa l-ġmiel tagħha u x-xemx kienet ilha li telgħet mhux ħażin, u bdiet tisreġ b’kemm kellha saħħa donnha tipprova tgħaddi r-raġġi minn bejn il-purtiera tal-kamra tas-sodda ta’ Martin. Martin tqalleb fis-sodda u laqat xi ħaġa b’saqajh. Għall-ewwel ma tax kas, iżda fil-pront qam bilqiegħda fis-sodda. Hemm fuq is-sodda ħdejn saqajh kien hemm ruxxmata rigali, kollha mgeżwra f’karti kkuluriti, waħda mhix bħall-oħra. Kien hemm rigali kbar u anke żgħar. Martin bħal ġie f’tiegħu f’daqqa waħda, filwaqt li ta daqqa fuq moħħu b’idu l-leminija.
‘Dażgur, illum għeluq snini! U mhux talli hekk, imma speċjali wkoll għaliex għalaqt ħdax-il sena fil-ħdax ta’ Novembru, li jaħbat il-ħdax-il xahar tas-sena elfejn u ħdax!’ ħaseb bejnu u bejn ruħu t-tifel.
Il-mamà u l-papà kienu wegħduh sorpriża kbira bħala rigal mingħandhom. S’issa kien għadu ma jafx x’inhi, allavolja tgħidx kemm kien ilu jeqred biex imqar jagħtuh ħjiel, iżda kien kollu ta’ xejn. Martin beda jħossu eċitat u ma kienx jaf mnejn se jaqbad jibda jiftaħ dawk ir-rigali kollha, li anqas hu stess ma kien jaf kif kienu waslu kollha f’salt. Resaq viċin u ħataf l-ikbar wieħed li kien hemm, qattagħlu l-karta bl-għaġla u rmieha fl-art.
null
Paġna 1
“Illaħwa, x’tinda din kemm hi sabiħa!” qal eċitat Martin.
Wara li flieha ħafif, warrabha minn idu u qabad rigal ieħor u fetħu wkoll. Kellu xi pakketti tal-ħelu favoriti tiegħu u filwaqt li qaxxar u kiel waħda, kompla jiftaħ rigal wara l-ieħor, jarmi l-karti fl-art, jifli ftit l-oġġett u jdur għal rigal ieħor. Baqa’ sejjer hekk sakemm fetaħhom kollha bil-kartolini b’kollox. Fost ir-rigali kellu maskla tal-għawm, xi stikers u stampi tat-tim favorit tiegħu, qmis, u sett kotba bil-Malti. Tista’ tgħid li kollox kien għoġbu. Sadanittant ommu kienet ġiet f’kamartu xħin semgħet dak l-istorbju kollu.
Kienet qed tħares lejh u titbissem filwaqt li qaltlu b’ton xi ftit inkejjuż, “Issa fadallek ir-rigal tiegħi u tal-papà, imma dak għal aktar tard. Issa fittex qum ħa tieħu l-kolazzjon u wara ħu ħsieb ċempel lil kull min bagħatlek rigal u rringrazzjahom.”
Waqt il-kolazzjon il-mamà spjegatlu kif ir-rigali u l-kartolini kienu ilhom jaslu ftit ftit matul il-ġimgħa, iżda żammithom moħbija biex tagħtihomlu kollha f’salt f’jum għeluq sninu. Il-familjari kollha ta’ Martin kienu joqogħdu kollha f'Malta, ħlief huma u n-nanna Tereża, li kienu jgħixu Għawdex. Kif lesta, Martin reġa’ mar lura f’kamartu biex jiġbor kollox bil-galbu u jara liema rigal kien se jżanżan l-ewwel. Poġġa l-kartolini weqfin fuq il-gradenza u qabad jiġbor ir-rigali u jarmi l-karti. Iddeċieda li jinżel fil-ġnien u jiftaħ it-tinda li kien qala’ mingħand…
null
Paġna 2
X’waħda din x’biċċa kienet ġratlu! Bl-għaġla kien fetaħ ir-rigali bla ma ta kas mingħand min kien irċeviehom. Issa x’kien se jagħmel? Kif kien se jċempel lil familtu u jirringrazzjahom tar-rigali li tawh?
Martin ħabat se jaqbad jinfixel, iżda wara li ħaseb ftit iddeċieda li, minflok iċempel, jibgħat imejl lil kulħadd. Għalhekk xegħel il-kompjuter u beda jikteb l-ewwel imejl. Din bagħatha lil kuġinuh Kris, li ħaseb li kien hu li bagħatlu l-maskla tal-għawm peress li kien bugħaddas. Irringrazzjah tar-rigal u qallu li l-għada stess kien se jeħodha l-pixxina miegħu biex jippruvaha. Liz-zija Mirjam bagħat ukoll jirringrazzjaha tar-rigal u qalilha li kien se joqgħod jilgħab bih fil-ġnien aktar tard, peress li ħaseb li kienet hi li bagħtitlu t-tinda. Lin-nannu Salv, li ħaseb li bagħatlu l-ħelu, kitiblu li għoġbu wisq u se joqgħod jieklu ftit ftit kull filgħaxija. Liz-ziju Mark irringrazzjah tal-istampi u l-istikers li ħaseb li tah, peress li jżommu mal-istess tim u wiegħdu li l-ewwel ċans li jsib kien se jwaħħalhom ma’ ġewwa tal-gwardarobba. Liz-zija Roberta, li hija librara, qalilha li se juża r-rigal tagħha la jmur l-iskola u joqgħod jarahom fil-klassi ma’ sħabu, għaliex ħaseb li l-kotba tathomlu hi. Bagħat imejl oħra lill-kuġina Katja, li għandha ħanut tal-ħwejjeġ, u rringrazzjaha tal-qmis li tatu u wegħedha li kien se jilbisha għall-quddiesa tal-Ħadd. Fl-aħħar u mhux l-inqas bagħat jirringrazzja lin-nanna Tereża għar-rigal sabiħ li tatu, avolja lanqas kien jiftakar eżatt x’kien! Hekk kif lesta niżel jiġri fil-ġnien u qagħad jilgħab bit-tinda.
null
Paġna 3
M’għaddiex wisq ħin li l-mamà ma bdietx tirċievi ħafna telefonati mingħand kull min irċieva l-imejl ta’ Martin. Kulħadd kien inkwetat b’dak li bagħatlu Martin. Il-mamà, għall-ewwel, ma setgħet tifhem xejn, imma ma damitx ma fehmet x’kien ġara u sejħet minnufih lil Martin.
“Martin, tista’ tgħidli kif irnexxielek tgerfex ir-rigali ta’ kulħadd?” qaltlu b’ton xi ftit irrabjat.
“Le, mamà, ma gerfixt xejn, kollox ġbart kif għedtli int,” weġibha fil-pront it-tifel.
“Martin, jiena għall-imejls li bgħatt qed ngħidlek,” kompliet l-omm.
“Imma jiena lil kulħadd bgħatt nirringrazzja,” insista Martin. “Żgur li ma nsejt lil ħadd.”
“M’għandix dubju minn daqshekk, għaliex kulħadd ċempilli inkwetat b’dak li bgħatt tgħidilhom!” tbissmet minn taħt il-mamà.
“Ngħid jien, inkwetati għax irringrazzjajthom u għedtilhom kemm għoġobni r-rigal li bagħtuli?” wieġeb ikkonfondut it-tifel.
“Dak li għamilt ħażin, Martin,” qaltlu l-omm. “Bgħatt tirringrazzjahom tar-rigal li ma bagħtulekx huma. B’hekk kulħadd jinsab inkwetat.”
null
Paġna 4
Martin ma damx ma nduna bl-iżball li għamel u tnikket mhux ftit. Il-mamà għannqitu magħha u stednitu jgħidilha min ħaseb li tah ir-rigali wieħed wieħed.
“Ma, jiena ħsibt li t-tinda tathieli z-zija Mirjam, għax ilni ħafna nixtieq waħda bħal m’għandu Danjel,” beda jlaqlaq it-tifel. “Għedtilha li kont se noqgħod nilgħab biha fil-ġnien biex nuriha kemm għoġbitni,” enfasizza Martin.
Il-mamà tgħidx kemm daħqet u qaltlu, “Mela għalhekk ċemplitli inkwetata, għax ħasbet li se toqgħod tilgħab fil-ġnien bil-qmis li bagħtitlek!”
Martin deher ikkonfondut u staqsa, “Allura Katja x’tatni? Jiena ħsibt li hi bagħtithieli l-qmis u għedtilha li se nilbisha nhar il-Ħadd għall-quddiesa!”
Il-mamà aktar daħqet u weġbitu, “Katja bagħtitlek il-maskla tal-għawm. Mela mhux ta’ b’xejn instemgħet imħassba xħin ċemplitli. Ħasbitek se tilbes il-maskla għall-quddiesa!”
null
Paġna 5
It-tifel tbissem għal dal-kliem u kompla jistaqsi, “Mela Kris x’tani? Ħsibt li kien hu li tahieli, peress li huwa bugħaddas! Għedtlu li se neħodha miegħi l-pixxina biex inżanżanha.”
“Ibni, Kris bagħatlek it-tinda. Għalhekk inkwieta mela,” weġbitu bi tbissima l-mamà. “Mur arak tarma t-tinda f’qiegħ il-pixxina!”
Martin beda jħossu aktar mifxul u tenna, “Imma l-kotba żgur li tathomli z-zija Roberta, għedtilha li se neħodhom l-iskola u noqgħod narahom fil-klassi.”
“Iz-zija Roberta tatek l-istampi u l-istikers. Kien għalhekk li inkwetat xħin saret taf li se teħodhom l-iskola!” spjegatlu l-mamà.
null
Paġna 6
Martin beda jħokk rasu u kompla jistaqsi, “Mela l-istampi u l-istikers mhux iz-ziju Mark bagħathomli? Jien għedtlu li se nwaħħalhom fuq ġewwa tal-gwardarobba!”
Il-mamà kompliet tidħaq bil-qalb u bejn daħqa u oħra qaltlu, “Martin, qalbi, iz-ziju Mark bagħatlek il-ħelu. Mhux ta’ b’xejn skanta mela! Ħasbek li se twaħħalhom mal-bieba tal-gwardarobba.”
“Mela dawk mhux in-nannu Salv bagħathomli?” stagħġeb it-tifel. “Fil-fatt għedtlu li se noqgħod nikolhom ftit ftit.”
Il-mamà ma felħitx iżżomm bid-daħq u qaltlu, “In-nannu Salv il-kotba tak. Kien għalhekk li inkwieta għax ħasbek li flok taqrahom se tikolhom!”
null
Paġna 7
It-tifel tbissem xħin ra lill-mamà tidħaq. Induna li kien gerfex kollox waħda u sew. Żgur li se jibqa’ jiftakar għeluq il-ħdax-il sena tiegħu!
“Imma l-isbaħ waħda tan-nanna Tereża,” kompliet il-mamà. “Bgħatt tirringrazzjaha tar-rigal meta lanqas biss għadha tathulek!”
It-tifel ħassu jinkiser u xtaq l-art tibilgħu. Il-mamà għannqitu magħha u serrħitlu rasu li kulħadd kien ħafirlu. Fil-pront instemgħet il-qanpiena tal-bieb. Kienu bdew jaslu l-mistednin għall-festin sorpriża li kienu organizzawlu l-mamà u l-papà.
null
Paġna 8
Waslet ukoll in-nanna Tereża b’kejk mill-isbaħ u bi tbissima qaltlu, “Hawn ara, Martin, dan ir-rigal tiegħek mingħandi. M’għandekx għalfejn tirringrazzjani għax diġà għedtli grazzi bl-imejl.”
Kulħadd infaqa’ jidħaq u Martin daħaq ukoll. Ma setax jonqos li d-diskors waqa’ fuq it-taħwida tar-rigali li għamel Martin dakinhar. Martin tgħidx kemm ħa gost jilgħab mal-kuġini. Kien l-isbaħ għeluq sninu li qatt kellu u l-isbaħ festin sorpriża mingħand il-papà u l-mamà. Imma tgħallem ukoll li l-qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel!
null
Paġna 9
Tmiem