Is-Sinjura Liża kienet il-mara tat-tabib. Tfal ma kellhiex imma kellha oħtha iżgħar minnha, li kienet toqgħod f’raħal qrib u kellha sitt itfal. Il-mara tat-tabib kienet tħobb lin-neputijiet daqs id-dawl t’għajnejha, daqslikieku kienu wliedha. Ma kinitx titlef okkażjoni li tmur tarahom u li teħdilhom xi ħaġa magħha. Fil-Milied kienet tagħtihom ħafna rigali u fl-Għid il-Kbir kienet tixtrilhom kull figolla daqsiex. Mhux ta’ b’xejn li t-tfal kienu jiġġennu wara z-zija Liża.
Xi drabi s-Sinjura Liża ma kinitx tista’ tmur għand oħtha hi, u allura kienet tqabbad lil Kalċ biex jasal wasla s’għandha hu minflokha u jagħti l-affarijiet lit-tfal. Ta’ dan lil Kalċ kienet tħallsu tajjeb, u allura Kalċ ma tantx kien jiddejjaq jagħmel xi qadja bħal din.








