Jekk wieħed jimxi matul il-Wied tal-Isperanza jilmaħ kappella żgħira mibnija f’xifer dan il-wied. L-oriġini ta’ din il-kappella tmur lura għaż-żminijiet tal-furbani, fis-sekli 15 u 16. Xi wħud jaħsbu li l-kappella nbniet bħala ringrazzjament lill-Madonna mingħand tfajla raħħala, li ħelsitha mill-qilla tat-Torok.
Jum wieħed niżlu xi Torok f’bajja kwieta fit-Tramuntana ta’ Malta. Ħadd ma nduna bihom. Malli niżlu, dawn bdew jaħarqu l-uċuħ tal-għelieqi, jaqbdu l-annimali u jkaxkruhom lejn il-ġifen. Riedu wkoll jaqbdu xi nies biex ibigħuhom bħala lsiera u b’hekk jiddubbaw kemxa flus tajba. It-Torok baqgħu mixjin pass wara pass, sakemm fl-aħħar waslu fit-tarf tal-Mosta.





