oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Leġġenda tal-Kappella ta’ San Dimitri

null
Jekk wieħed iħalli l-irħajjel tassew sabiħ tal-Għarb u jibqa’ sejjer lejn il-kosta ta’ din il-parti t’Għawdex għandu jsib kappella ddedikata lil San Dimitri. Madwar din il-kappella hemm bosta għelieqi u xi razzett ’l hemm u ’l hawn. Jum wieħed xi furbani niżlu f’din il-parti t’Għawdex. Xi wħud baqgħu sejrin lejn il-kappella u hemm sabu razzett. F’dan ir-razzett kienu joqogħdu mara u binha, li kien daqsxejn ta’ tfajjel. Hekk kif waslu, wieħed mill-furbani kisser il-bieb tar-razzett u baqa’ dieħel ġewwa. Hemm sab tfajjel jaħdem. F’ħakka t’għajn il-furban qabad lit-tfajjel, rabat ħabel madwaru u kaxkru lejn il-ġifen.
Paġna 1
null
Meta Żgugina, omm it-tfajjel, indunat b’dan, tatha rasha. Bkiet fuq li bkiet sakemm id-dmugħ nixef u ma setax joħroġ aktar. Meta ħadet ftit tan-nifs, ħarġet tiġri mir-razzett u resqet lejn ix-xatt. Hemm rat il-ġifen tal-furbani u ftit ’il bogħod minnu kien hemm dgħajsa riesqa bil-mod il-mod lejn il-ġifen. Milli setgħet tara kien hemm xi nies fuq din id-dgħajsa. Tgħid binha kien fuq dik id-dgħajsa wkoll? Kif kienet hemm weħidha, marret fil-kappella ta’ San Dimitri. Fetħet il-bieb u mxiet sal-artal. Niżlet għarkupptejha fl-art quddiem l-artal u talbet lil San Dimitri bi ħrara kbira. Talbitu biex iġibilha lura lil binha, qawwi u sħiħ. Dan it-tfajjel kien il-mimmi ta’ għajnejn Żgugina. Ma kellha lil ħadd ieħor f’din id-dinja; għaliha kien kollox.
Paġna 2
null
Waqt li talbet lil San Dimitri, wegħditu li jekk jeħles lil binha mill-jasar, kienet se tixgħellu qasba żejt kull ġurnata sakemm tmut, minn sbieħ il-jum sa ma jidlam. Waqt li kienet qed titlob, tirtogħod bl-inkwiet li kellha fuqha, fil-kappella feġġ dawl qawwi. Instema’ ħoss kbir qisu splodiet xi bomba. F’daqqa waħda, figura ta’ suldat fuq żiemel ħarġet mill-pittura li kienet fuq l-artal. Din il-figura bdiet qisha ttir fl-arja u baqgħet ħierġa ’l barra mill-kappella għal fuq il-baħar, sakemm waslet fuq il-ġifen tal-furbani. Hemm niżlet qisha sajjetta.
Paġna 3
null
Dil-figura kienet fil-fatt San Dimitri. Huwa niżel fuq il-ġifen tal-furbani u sab lit-tfajjel f’kaxxa kbira tal-injam qisha senduq, marbut u mwerwer, bid-dmugħ f’għajnejh. Hu qabdu u poġġieh fuq iż-żiemel. Ħadd ma nduna b’dak li kien qed jiġri fuq il-ġifen. It-tnejn taru biż-żiemel b’kollox u f’kemm ili ngħidlek waslu quddiem Żgugina. Qalb Żgugina riedet ittir bil-ferħ. Kien miraklu tassew kbir. Żgugina għannqet lil binha magħha b’kemm kellha saħħa. Bdiet tbusu u tmellislu xagħru. Wara ftit ħarġu mill-kappella t-tnejn u marru lura d-dar, ferħanin li sabu lil xulxin mill-ġdid.
Paġna 4
null
Bħala tifkira ta’ din il-ġrajja, San Dimitri ħalla l-marka tan-nagħla taż-żiemel fuq il-ħajt taċ-ċint li jdawwar din il-kappella. Wara xi żmien, seħħ terremot. Skont il-qassis li kien iqaddes fil-kappella ta’ San Dimitri, dan seħħ bħala twissija lin-nies li kienu joqogħdu f’dawk l-inħawi li kienu telqu lil Alla. Waqt it-terremot, parti mill-blat tal-kosta tal-Għarb inqatgħet u l-art niżlet taħt il-livell tal-baħar bil-kappella ta’ San Dimitri b’kollox. Xi wħud jemmnu li meta l-baħar ikun kalm u ċar daqs il-kristall, wieħed jista’ jara l-qiegħ tal-baħar kif ukoll il-kappella bil-lampier jixgħel quddiem il-pittura ewlenija tal-kappella. Dan il-lampier hu dak li kienet tixgħel Żgugina biex twettaq il-wegħda li kienet għamlet lil San Dimitri.
Paġna 5
null
Darba waħda, ġifen tal-kursara Maltin kien għaddej minn dik il-parti t’Għawdex. Dan il-ġifen waqaf għal ftit u tefa’ l-ankri. Għadda ftit żmien u l-kaptan reġa’ ried ibaħħar. Għal xi raġuni l-ankra ma setgħetx tittella’. Erba’ baħrin qabżu l-baħar biex jeħilsu l-ankra li kienet weħlet ma’ xi blat jew inqabdet ma’ xi għerien f’qiegħ il-baħar. Meta telgħu l-baħrin qalu li raw kappella f’qiegħ il-baħar. Il-bibien tal-kappella kienu miftuħin beraħ. Huma daħlu biex jaraw il-kappella minn ġewwa. Din kienet xotta mill-ilma baħar. Hemmhekk sabu l-lampier ta’ Żgugina li kien għadu jixgħel.
Paġna 6
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations