Katrin kienet se tiżżewweġ lill-Ħakem tal-Imdina. Din l-aħbar kienet fuq fomm kulħadd. Fil-jum tat-tieġ, ħafna familji ħallew id-djar u l-irziezet tagħhom biex jaraw l-għarajjes deħlin u ħerġin mill-katidral. It-toroq tal-Imdina kienu mimlijin nies. Ma kienx hemm post fejn toqgħod labra. Filgħodu kmieni kien hemm ġenn sħiħ fid-dar ta’ Katrin. Min jagħmel ħaġa u min oħra. F’daqqa waħda, instemgħet taħbita fuq il-bieb ta’ barra. L-għarus kien wasal flimkien mal-familjari tiegħu u l-monsinjur tal-katidral. Omm Katrin niżlet isfel biex tilqa’ l-mistednin. Hekk kif il-mistednin tkellmu ftit ma’ omm Katrin, ġew in-nies tal-baldakkin. Kulħadd kien lest biex tibda l-purċissjoni tal-għarajjes lejn il-katidral.
Infetaħ il-bieb tad-dar u n-nies bdiet tgħajjat kemm tiflaħ. “Waslet l-għarusa! Waslet l-għarusa!” Imma l-purċissjoni tal-għarajjes ma setgħetx tibda. Kien hemm bżonn li xi ħadd jofroq il-ġemgħa biex il-purċissjoni tkun tista’ tgħaddi. Kien hemm nies fit-twieqi u fil-gallariji tad-djar u l-palazzi tan-nobbli. Xi wħud marru wkoll fuq il-bjut biex jaraw l-għarajjes.



