Waħda mill-isbaħ bajjiet li jżejnu lil Għawdex hija r-Ramla l-Ħamra. Din il-bajja hija mħarsa fuq kull naħa minn għoljiet li huma mifrudin b’wied li jiżbokka fil-bajja stess. Fuq waħda minn dawn l-għoljiet hemm għar li kull Għawdxi jafu bħala l-Għar ta’ Kalipso.
L-isem Kalipso hu marbut mal-gżira tat-Tliet Għoljiet minn żmien il-kitba Klassika Griega. Skont din il-kitba, l-eżerċitu tal-alla Ġunone rebaħ lill-eżerċitu tal-alla Venere. Il-belt ta’ Trojja waqgħet u n-nies tagħha jew ittieħdu bħala lsiera jew inqatlu. Wara din il-battalja l-Griegi setgħu jmorru lura pajjiżhom. Iżda biex jagħmlu dan kellhom ibaħħru, kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna saram. Fost dawn il-Griegi kien hemm Ulisse, li ta’ ġellied gwapp li kien, ta sehem kbir fil-waqgħa ta’ Trojja.




