(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Leġġenda ta' Għar Ħasan

Malta kienet saret parti mir-renju ta’ Sqallija. Ħafna mill-Għarab ħallew Malta darba għal dejjem. Ftit kienu dawk li baqgħu jgħixu hawn. Wieħed minn dawn l-Għarab li baqgħu hawn kien jismu Ħasan. Dan Ħasan kien jgħaddi ż-żmien idur qalb l-għelieqi tal-qoton, fil-parti t’isfel ta’ Malta.
Jum wieħed, waqt li kien għaddej qalb l-għelieqi, lemaħ tfajla b’rasha baxxuta taħdem fuq ix-xtieli tal-qoton. Hi kienet qed tiġbor il-fjuri bojod tal-qoton u tpoġġihom f’basket tal-qasab. Waħħalha f’rasu li jaħtaf lil din it-tfajla biex meta jmur Tuneż ibigħha u jiddobba kemxa flus sewwa.
null
Paġna 1
Kull meta beda jgħaddi minn dawk l-inħawi kien isib lil xi ħadd fil-qrib, jaħdem fuq ix-xtieli tal-qoton. Il-ġranet komplew igerbu u jum wieħed, waqt li dik it-tfajla kienet rasha ’l isfel taħdem, Ħasan ma ra lil ħadd iżjed. Minnufih qabeż il-ħajt tas-sejjieħ u daħal inkiss inkiss fl-għalqa fejn kien hemm it-tfajla. Ġie minn wara t-tfajla u poġġa jdejh fuq ħalqha. Minnufih rabatha bil-ħabel li kellu mdendel ma’ qaddu u kaxkarha ’l barra mill-għalqa. It-tfajla bdiet tagħmel ħilitha biex teħles minn dak l-Għarbi. Imma kollox kien ta’ xejn. It-tfajla bdiet tibża’ u bdiet tgħajjat kemm tiflaħ iżda ħadd ma kien jidher imkien.
Ħasan irnexxielu jkaxkarha lejn l-irdumijiet qrib Birżebbuġa. Kien jaf sewwa dawk l-inħawi ta’ Malta. Kien jaf li kien hemm għar, u għalhekk beda jimxi u jiġbed warajh lil dik l-imsejkna tfajla. Issa t-tfajla kienet qatgħet qalbha li xi ħadd jgħaddi minn hemm u jeħlisha. Waslu qrib l-għar. Ħasan waqaf u beda nieżel minn mogħdija dejqa li ma kellhiex ilqugħ. Aktar ma bdew niżlin ’l isfel mal-mogħdija, it-tfajla aktar kompliet tibża’. Jekk tagħmel pass ħażin kienet tinżel minn fuq dak l-irdum għal ġol-baħar salvaġġ.
null
Paġna 2
Meta waslu qrib l-għar, Ħasan ordnalha tidħol. It-tfajla għamlet kif kien qalilha għax kienet qed tibża’ minnu. Kienet qed tibża’ mill-ħabel li kellu u mis-sikkina li kien hemm ma’ qaddu. Meta daħlet fl-għar rabatha ma’ ħolqa li kien hemm mal-ħajt tal-għar. Taha ftit ilma u loqma ħobż u kompla jorbotha sewwa. It-tfajla baqgħet tipprova taħrab u darba rnexxielha tagħmel dan waqt li Ħasan kien rieqed. Iżda hekk kif Ħasan qam beda jfittixha ma’ kullimkien, u fl-aħħar sabha tistaħba wara ħajt tas-sejjieħ.
Il-ġranet bdew itiru. Il-familja tat-tfajla bdiet titħasseb sewwa għaliha. Niesha bdew joħorġu jduru ’l hawn u ’l hemm biex jaraw jekk isibuhiex. Għadda aktar żmien sakemm jum wieħed deher ġifen Tork fix-xefaq. Il-ġifen beda riesaq bil-mod il-mod lejn ix-xatt. F’daqqa waħda minn fuq il-ġifen spara kanun. Malli sema’ l-ħoss tal-kanun Ħasan ħareġ jiġri ’l barra. Il-ġifen kompla riesaq lejn ix-xatt. Billi kull fejn tara l-blat kien għoli, Ħasan rabat lit-tfajla ma’ ħabel twil u beda jniżżilha mal-blat tal-irdum. It-tfajla bdiet tipprova taħrab iżda kien kollu għalxejn.
null
Paġna 3
F’daqqa waħda Ħasan sema’ xi passi. Dawwar wiċċu u sab ċorma nies ifittxu lit-tfajla. Dawn kienu armati sa snienhom u għalhekk Ħasan beda jibża’. Jekk jinqabad kien se jispiċċa ħażin. Kien jispiċċa f’xi qiegħ ta’ ħabs għal għomru kollu. Bil-biża’ li jqatta’ ħajtu bejn l-erba’ ħitan ta’ xi ċella, hekk kif ra d-dgħajsa tal-ġifen riesqa, tefa’ lit-tfajla għal ġol-baħar u hu qabeż warajha. Imma sew it-tfajla u sew Ħasan niżlu wisq ’il bogħod mid-dgħajsa tal-ġifen. It-tnejn ma kinux jafu jgħumu sewwa. Barra minn hekk, it-tfajla ma setgħetx tgħum, għax idejha kienu t-tnejn marbutin. Ħasan beda jżomm mat-tfajla u t-tnejn għerqu u ma dehru mkien.
Nies it-tfajla bdew jgħajtu imma kien kollu ta’ xejn. It-tfajla kienet ħalliet dan il-wied tad-dmugħ. Meta l-kaptan ra dik it-traġedja u lemaħ il-Maltin niżlin għax-xatt, dawwar il-ġifen u baħħar lejn Filfla. Minn hemm reġa’ salpa ’l barra u ma deherx aktar. Wara din il-ġrajja kiefra l-għar baqa’ magħruf minn kulħadd bħala l-Għar ta’ Ħasan jew aħjar Għar Ħasan.
null
Paġna 4
Tmiem