(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).
Il-Ġisem Tagħna
Il-ġisem tagħna magħmul minn organi differenti.
Paġna 1
Xi organi qegħdin fuq barra u nistgħu narawhom u mmissuhom. Organi oħrajn qegħdin ġewwa u ma narawhomx.
Paġna 2
Kollha huma importanti u għandhom ix-xogħol tagħhom.
Paġna 3
Il-ġilda tgħatti l-ġisem kollu u tħarisna mill-mard u mix-xemx. Fuqha jikber ix-xagħar, li jżomm it-temperatura ta’ ġisimna tajba.
Paġna 4
Fir-ras insibu l-moħħ, li jmexxi kulma jiġri f’ġisimna.
Paġna 6
Fil-wiċċ għandna l-għajnejn, li bihom naraw l-affarijiet, u l-widnejn, li bihom nisimgħu l-ħsejjes. Għandna wkoll l-imnieħer biex inxommu l-irwejjaħ bih, u ħalqna biex nitkellmu u nieklu l-ikel.
Paġna 6
Fil-ħalq ikollna s-snien, biex nomogħdu l-ikel, u l-ilsien, li bih intiegħmu l-ikel.
Paġna 7
L-għadam jagħti l-forma lill-ġisem, u nsibuh f’kull parti.
Paġna 8
Għandna l-iskutella, li tifforma r-ras tagħna, u l-kustilji, li jipproteġu l-qalb u l-pulmuni f’sidirna.
Paġna 9
Il-muskoli wkoll qegħdin kullimkien f’ġisimna. Dawn jgħinuna niċċaqalqu u nerfgħu l-affarijiet.
Paġna 10
Il-qalb hija l-pompa tal-ġisem, il-ħin kollu tħabbat u tibgħat id-demm f’kull parti.
Paġna 11
Id-demm huwa likwidu aħmar li jiġri fil-vini tagħna. Dan iwassal il-vitamini u l-minerali li għandna bżonn biex ngħixu b’saħħitna.
Paġna 12
Meta nieħdu nifs, l-arja tajba tmur fiż-żewġ pulmuni sakemm tinfirex fil-ġisem, u l-arja ħażina toħroġ ’il barra minnhom.
Paġna 13
Il-fwied hu organu kbir li jneħħi dak li hu ħażin mill-ikel.
Paġna 14
Meta nieklu, l-ikel imur fl-istonku, fejn jitkisser biex nieħdu s-sustanzi minnu.
Paġna 15
Dak li m’għandniex bżonn jew jagħmlilna l-ħsara, ġisimna jneħħih. Il-kliewi jżommuna nodfa billi jneħħu l-ilma żejjed u affarijiet ħżiena oħra.
Paġna 16
L-imsaren huma l-aħħar stadju minn fejn jgħaddi l-ikel. Fl-imsaren il-ġisem jassorbi n-nutrijenti mill-ikel.