(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ġanluka u Maruska 04: Il-Fjuri tal-Mamà

null
Il-mamà tal-ħbieb tagħna Ġanluka u Maruska tħobb ħafna l-fjuri. Fil-ġnien ta’ mad-dar tkabbar kull xorta ta’ fjuri skont l-istaġun. Fjuri ta’ kull lewn, daqs u għamla. Narċis, ġiżi, freżji, buqari, ward, dalji u ħafna oħrajn. Ir-riħa tfuħ li toħroġ mill-ġnien tal-mamà tinxtamm minn tarf it-triq.
Paġna 1
null
Is-Sinjura Veronika tgħidx kemm tgħaddi ħin fil-ġnien b’paċenzja kbira tieħu ħsieb il-fjuri. Daqqa tiżra’, daqqa ssaqqi u drabi oħra tneħħi l-ħaxix ħażin. Kull min jara l-ġnien tagħha, jammira s-sbuħija u l-ġmiel li taf toffri n-natura. Donnu ġnien tal-istampi. Lil uliedha spiss tfakkarhom biex ma jersqux viċin tan-naħa tal-fjuri li ma jmorrux iqaċċtulha xi waħda.
Paġna 2
null
Jum fost l-oħrajn ħarġet ġurnata sabiħa. L-aħwa ħarġu jilagħbu bil-ballun fil-ġnien. Ma tantx kien ilhom jilagħbu wisq li Ġanluka, bi żball, minflok waddab il-ballun in-naħa t’oħtu, waddbu f’nofs il-fjuri u qaċċat xi ftit minnhom.
Paġna 3
null
Kien jaf li l-mamà kienet ser teħodha bi kbira, għalhekk iddeċieda li ma juriha b’xejn. Beża’ li tirrabja miegħu u tagħtih xi kastig talli ma qagħadx attent biżżejjed. Ġanluka beda jibża’ wkoll li tikxfu oħtu, għalhekk wegħedha li jekk ma tugżahx jagħmlilha x-xogħol tad-dar kollu li suppost tagħmel hi. Damu sejrin b’dan il-ftehim xi ġimgħa u lill-mamà baqa’ ma qalilha ħadd xejn.
Paġna 4
null
Meta l-mamà sabet il-fjuri mkissrin ħallewha taħseb li nkisru bir-riħ. Imma f’qalbu Ġanluka ma kienx qed iħossu kuntent li kien qed jaħbi l-verità mill-mamà. Fl-aħħar iddeċieda li jgħidilha b’kollox.
Il-mamà weġbitu li kienet ilha ħafna tistenna li jgħidilha l-verità, għaliex hi kienet rat eżatt x’ġara mit-tieqa tal-kċina. Qaltlu li la kien inċident ma kellhiex għalfejn tirrabja miegħu, iżda qatt ma messu ħeba l-verità.
Paġna 5
null
Il-mamà ċanfret lil Ġanluka talli kien qal lil oħtu biex iżżomm ħalqha magħluq u ma tikxfux billi jagħmlilha xogħolha. Filwaqt li lil Maruska ċanfritha għaliex qatt ma messha aċċettat li ħuha jagħmlilha xogħolha u ma turihiex x’ġara. Kemm kien ikun aħjar kieku t-tfal tkellmu mal-mamà mill-ewwel!
Paġna 6
Tmiem